MAPSSS (L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti fl-Iskejjel tal-Istat) appellat lill-ġenituri, lill-għalliema u lill-management teams tal-iskejjel sabiex josservaw d-direttivi maħruġa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru tas-Saħħa.
MAPSSS qalet li tfal li żaru ċ-Ċina, Singapor, Hong Kong, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, l-Iran u r-reġjuni ta’ Emilia Romagna, Lombardia, Piedmonte u Veneto fit-tramuntana tal-Italja għandhom jagħmlu kwarantina ta’ 14-il ġurnata f’darhom stess.
MAPSSS ħeġġet biex wieħed ma jaqax fin-nasba tal-paniku u talbet biex ma jittieħdux deċizjonijiet arbitrarji bbażati fuq tagħrif skorrett jew għidut.
MAPSSS qalet li, bħalma jiġri s-soltu, il-ġenituri huma mitluba li jżommu t-tfal morda d-dar. Fl-istess ħin, l-iskejjel għandhom jiżguraw li jkun hemm provvista kontinwa ta’ ilma u sapun fil-faċilitajiet sanitarji kollha ta’ kull skola sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ kwalunkwe infezzjoni.
MAPSSS qalet li ser iżżomm lill-ġenituri aġġornati bi kwalunkwe direttivi ġodda li joħorġu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni jew il-Ministeru tas-Saħħa.