MAPSSS titlob l-intervent tal-Prim Ministru
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti fl-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) tesprimi d-diżappunt tagħha dwar il-fatt li l-Minsteru tal-Edukazzjoni u l-Union tal-Għalliema (MUT) ma laħqux qbil dwar il-kwistjoni pendenti fil-Malti u l-Matematika, bil-konsegwenza li studenti se jispiċċaw vittmi ta’ sitwazzjoni li ma għandhom xejn x’jaħtu għaliha.
MAPSSS issostni li hu ta tħassib li l-istudenti tas-Sekondarja (inkluż Middle School) mhux se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena tal-Malti u l-Matematika u lanqas se jingħataw marka ta’ assessjar ibbażata fuq ix-xogħol ta’ matul is-sena. Konsegwenza ta’ dan l-istudenti mhux se jingħataw rispons dwar il-prestazzjoni tagħhom fuq dawn iż-żewġ suġġetti ewlenin.
MAPSSS tinnota li affaċjat minn sitwazzjoni simili fil-Polonja, il-Prim Ministru Pollakk Mateusz Morawiecki f’indirizz televiżiv lin-nazzjon qal li “L-istat irid jiggarantixxi li f’kull skola, kull student ikun jista’ jagħmel l-eżamijiet fil-ġranet miftehma. Dan huwa neċessarju biex iserraħ moħħ l-istudenti u l-ġenituri, u biex l-Istat jidher serju u responsabbli”. Għal dan il-għan, Morawiecki ħabbar leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-eżamijiet se jsiru bilfors, bil-konsegwenza li l-awtoritajiet edukattivi kellhom iġibu l-għajnuna ta’ għalliema irtirati, għalliema privati u għalliema li mhux qed jistrajkaw biex ikunu huma li jfasslu u jikkoreġu l-karti tal-eżamijiet.
MAPSSS qed titlob l-intervent tal-Prim Ministru sabiex, fid-dawl tal-aħħar żviluppi, jiggarantixxi li l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena tal-Malti u tal-Matematika jsiru fil-ġranet miftehmin u jserraħ ras l-istudenti u l-ġenituri.