MAPSSS tibgħat ittra miftuħa lill-għalliema

Għażiż għalliem/a,

Qegħdin nibagħtulek din l-ittra fid-dawl tal-laqgħa għall-Kapijiet tad-Dipartiment u l-Għalliema tal-Matematika u tal-Malti li l-MUT qed torganizza llum wara nofsinhar.

Nifhmu li dan hu żmien delikat għalik minħabba li qed tintalab tieħu deċiżjoniet li jista’ jkun li jġibuk bejn ħaltejn, minħabba t-taqbida bejn dak li jgħid il-moħħ u dak li trid il-qalb.

Nirrikonoxxu l-impenn u l-ħidma tiegħek matul is-sena biex tħejji lill-istudenti tiegħek bl-aħjar mod possibbli għall-pass li jmiss fil-mixja edukattiva tagħhom. Bħala ġenituri, nifhmu li xi drabi kellek taħdem biex tilħaq dawn il-miri f’sitwazzjonijiet mhux ideali, fosthom b’nuqqas ta’ riżorsi.

Nifhmu wkoll li hemm għalliema li għandhom numru ta’ lezzjonijiet aktar milli maqbul fil-ftehim kollettiv. Dan mhux biss iħalli impatt fuq l-għalliem iżda wkoll fuq l-istudenti.

Nemmnu li jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet li jindirizzaw is-sitwazzjoni fuq bażi permanenti. Il-Gvern qed jgħid li qed jagħmel li jista’. Jista’ jkun li dan mhux biżżejjed. MAPSSS qed tappella lill-Gvern biex idaħħal mekkaniżmu fis-seħħ li jevita sitwazzjoni simili fejn għalliema jkollhom load ikbar minn dak stabbilit.

Sadanittant, nemmnu li għandha tinstab soluzzjoni konkreta u fattibli għas-sitwazzjoni preżenti.

L-eżamijiet mhux biss huma riflessjoni tax-xogħol li l-istudent għamel matul is-sena, imma jirrifletti wkoll il-ħidma sfieqa li l-għalliema jagħmlu b’tant dedikazzjoni. Li l-istudenti jiġu mċaħħda minn dan il-pass importanti fl-evalwazzjoni tax-xogħol tagħhom, ifisser ukoll li inti, bħala għalliem, qed tiġi mċaħħad mir-rikonoxximent għax-xogħol li għamilt matul is-sena. NIfhmu li inti bnejt relazzjoni personali ma’ kull student tiegħek matul dawn l-aħħar disa’ xhur u li l-istudenti jħarsu lejk bħala mudell. Uliedna jeħtieġ jitgħallmu li hu tajjeb li tiġġieled għad-drittijiet tiegħek, imma f’kuntest li ma tħallix impatt fuq id-drittijiet ta’ terzi.

Quddiem dan kollu, qegħdin nitolbuk biex tikkunsidra l-pożizzjoni tiegħek sabiex l-istudenti fl-iskejjel medji u sekondarji jagħmlu l-eżamijiet tal-Matematika u tal-Malti tal-aħħar tas-sena, b’tali mod li jingħata rikonoxximent għall-ħidma tagħhom u għall-ħidma tiegħek.

Insellu għalik,

Il-Membri tal-Kunsill ta’ MAPSSS

2019-06-06T13:03:47+00:00